L-inkjesta pubblika dwar l-assassinju
ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-Bord identifika responsabbiltà tal-ex Prim Ministru Joseph Muscat għal dak li ġara, anke jekk mhux diretta, għad-deċizjoni tiegħu fl-ewwel lok li ma jieħux passi serji fil-konfront taċ-Chief of Staff tiegħu u l-Ministru Mizzi meta ġew implikati fil-fuq imsemmija Panama Papers u wisq aktar fit-tieni lok meta ddeċieda li jibqa’ jżommhom fil-kariga anke wara l-pubblikazzjoni tal-istorja ta’ 17 Black.

Konklużjoni Nru 29 – Paġni 409 u 410 tar-rapport finali.

Il-Bord huwa sodisfatt, u l-indikaturi huma kollha f’din id-direzzjoni, illi għalkemm il-movent mhux sa llum bi preċiżjoni stabbilit, ma hemm xejn x’jindika li l-assassinju ma seħħx għal raġunijiet direttament marbuta mal-investigazzjonijiet li kienet qed tagħmel is-Sinjura Caruana Galizia fuq allegazzjonijiet serji ta’ amministrazzjoni pubblika ħażina, ta’ abbuż ta’ poter u korruzzjoni, f’isfond ta’ rabtiet mil-qrib u dubjużi bejn il-politika, n-negozju kbir u l-kriminalità organizzata..

Paġni 93 tar-rapport finali.

Dokument tal-inkjesta pubblika

Termini ta' referenza ta' inkjesta pubblika dwar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia
Biex tinvestiga b’mod indipendenti u tirrapporta lill-Prim Ministru wara r-Riżoluzzjoni talKamra tad-Deputati tat-12 ta’ Dicembru 2018 u r-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa tas-26 ta’ Ġunju 2019 (Riżoluzzjoni 2293(2019)) dwar l-assassinju tas-sinjura Daphne Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru 2017 u dwar l-avvenimenti li ppreċedew, li kienu involuti, u li segwew, dak l-assassinju bil-għan illi:
  1. jiġi determinat jekk xi att jew ommissjoni illeċita minn, jew fi ħdan, xi entita tal-Istat iffaċilitatx l-assassinju jew naqsitx milli tipprevjenih. B’mod partikolari jekk (a) xi entita talIstat kinitx taf jew kellhiex tkun taf dwar, jew ikkawżatx, riskju reali u immedjat, inkluż millaġir kriminali ta’ xi terza persuna, għall-ħajja ta’ Daphne Caruana Galizia u (b) naqqset milli tieħu miżuri fi ħdan il-firxa tas-setgħat tagħha li, b’ġudizzju raġjonevoli, kien mistenni minnha li tieħu biex tevita dak ir-riskju;
  2. tistabbilixxi jekk l-Istat kellux u għandux fis-seħħ dispożizzjonijiet ta’ liġi kriminali effettivi u mezzi oħra prattiċi biex jevita li jiżviluppa stat ta’ de facto impunita bl-okkorrenza spissa ta’ atti kriminali li ma jiġux solvuti u biex jiddisswadi mit-twettiq ta’ reati kriminali serji, blappoġġ ta’ makkinarju ta’ inforzar tal-liġi għall-prevenzjoni, s-soppressjoni, l-investigazzjoni u l-kastig tal-vjolazzjonijiet serji tal-liġi;
  3. tiddetermina jekk l-Istat wettaqx u jekk huwiex qiegħed iwettaq l-obbligu pozittiv li jieħu mizuri operazzjonali ta’ prevenzjoni biex jipproteġi lil dawk l-individwi li l-ħajja tagħhom tkun fir-riskju minn atti kriminali u dan b’mod partikolari fil-kaz tal-ġurnalisti;
  4. Li l-Inkjesta titmexxa b’mod illi ma timpedix u ma tikkompromettix xi investigazzjoni jew prosekuzzjoni kriminali jew l-integrita tagħha;
  5. L-Inkjesta għandha ssir fil-pubbliku iżda l-Bord ta’ Inkjesta jista’, meta jikkunsidra li jkun strettament hekk meħtieġ, imexxi seduti partikolari fil-magħluq u/jew jimponi restrizzjonijiet fuq l-iżvelar jew il-pubblikazzjoni ta’ kull dokument jew xhieda mogħtija jew li jkun sar aċċess għaliha fl-Inkjesta b’mod illi tkun protetta l-kunfidenzjalita ta’ investigazzjonijiet u ta’ informazzjoni li tkun waslet taħt obbligu ta’ kunfidenzjalita, iżda biss meta l-kunfidenzjalita ta’ dawk l-investigazzjonijiet jew informazzjoni tkun protetta bil-liġi u/jew meta l-Bord ta’ Inkjesta jidhirlu li s-smiegħ bil-magħluq jew ir-restrizzjoni tal-iżvelar jew tal-pubblikazzjoni ta’ dokumenti jew xhieda jkunu strettament meħtieġa għall-protezzjoni, tas-sigurta u taddrittijiet tax-xhieda, ta’ informazzjoni sensittiva mil-lat ta’ sigurta nazzjonali jew mod ieħor, u għall-iskansar ta’ preġudizzju għal proċeduri oħra;
  6. Il-Bord ta’ Inkjesta jkollu aċċess għall-informazzjoni kollha miżmuma minn entitajiet tal-Istat u għandu jimxi skont l-Att dwar l-Inkjesti u għandu, soġġett għal dawn it-termini ta’ referenza, jirregola l-proċedura tiegħu fuq il-ħwejjeġ kollha inklużi kwistjonijiet dwar laċċess għal, u l-parteċipazzjoni tal-familja tal-mejta u tal-pubbliku fil- jew għall-proċeduri u għall-atti tal-inkjesta. Il-Bord ta’ Inkjesta jkollu s-setgha li jaħtar dik il-persuna jew persuni inklużi assistenti tekniċi u esperti f’oqsma partikolari biex jassistu fl-Inkjesta kif jidhirlu li jkun meħtieġ, b’dan iżda madankollu li persuni hekk maħtura għandhom jissoddisfaw l-ħtiġijiet ta’ indipendenza u imparzjalita fuq l-istess livell kif meħtieġ f’qorti tal-ġustizzja;
  7. Il-Bord ta’ Inkjesta għandu (i) jippreżenta kopja tar-rapport: (a) lill-Prim Ministru u (b) lillAvukat Generali; (ii) jagħti avviz pubbliku li jkun ikkonkluda r-rapport tiegħu u li jkun ippreżenta kopja tiegħu lill-Prim Ministru; (iii) jippubblika r-rapport fi żmien tmint ijiem taxxogħol mindu jkun għadda kopja tiegħu lill-Prim Ministru. Il-Prim Ministru għandu jqiegħed ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta jirċevih. Dwar ir-rapport li jkun se jiġi pubblikat, il-Bord ta’ Inkjesta jkollu s-setgha li jirrestrinġi l-iżvelar ta’ dawk il-partijiet tar-rapport kif huwa jqis li jkun meħtieġ biex jissalvagwardja l-protezzjoni tad-data personali, tas-sigurta’ pubblika, tas-sigurta nazzjonali, tal-investigazzjonijiet jew proċeduri kriminali futuri jew li jkunu kurrenti, u fejn l-iżvelar jew il-pubblikazzjoni ta’ tali informazzjoni tista’ tipperikola l-inkolumita fiżika ta’ xi persuna u għandu jindika b’mod ċar il-partijiet li ma għandhomx jiġu pubblikati. Jekk il-Bord iqis li jkun meħtieġ li jirrestrinġi liżvelar ta’ partijiet tar-rapport tiegħu, l-Bord ikun obbligat li jipprovdi lill-familja tal-mejta bl-opportunita li taqra r-rapport sħiħ mingħajr tnaqqis iżda mingħajr ma tingħata kopja tattest tal-partijiet imnaqqsa u bil-kondizzjoni li huma jkunu obbligati li ma jiżvelawx il-partijiet imnaqqsa;
  8. Il-Bord ta’ Inkjesta għandu, mingħajr preġudizzju għat-twettiq xieraq ta’ dawn it-termini ta’ referenza, jaħdem bil-għan li jikkonkludi x-xogħol tiegħu fi żmien disa xhur